Ma nstabet l-ebda bażi biex issir investigazzjoni fost oħrajn fuq it-tqassim ta’ larinġ fid-djar tal-anzjani, mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar.
Dan intqal f’rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler wara talba minn Arnold Cassola.
Dr Hyzler ma sabx lanqas bażi biex jinvestiga fuq każijiet ta’ tqassim ta’ ikel ieħor u maskri mill-Ministru Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat u d-Deputat Laburista Silvio Parnis.
Il-Kummissarju għall-Istandards qal li l-aġir li tressaq ilment fuqu ma jiksirx il-kodiċi tal-etika fil-ħajja pubblika.
Il-ġimgħa l-oħra, saħansitra ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Robert Aquilina ressaq denunzja quddiem il-pulizija fil-konfront tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar għaliex fi żjara lill-anzjani hija ħaditilhom ftit larinġ.
Robert Aquilina, li huwa l-President tal-għaqda Repubblika kien qal li l-anzjani qed jinxtraw bil-larinġ.
Fl-ittra mibgħuta minnu lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, Aquilina li kien imqabbad ma’ djul ħuh meta tressaq il-Qorti mixli b’sewqan perikoluż u li m’obdiex ordnijiet tal-pulizija, talab lill-pulizija tieħu passi kontra Rosianne Cutajar għaliex skontu kissret il-liġi bil-boroż bil-larinġ li qassmet.
B’reazzjoni għal dan, Rosianne Cutajar kienet saħqet li għal kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-għaqda Repubblika, dik li appoġġjat lil Bernard Grech biex sar Kap tal-Partit Nazzjonalista, it-tqassim tal-larinġ lill-anzjani kien biss ġest li kien apprezzat mir-residenti, iżda li issa qed jintuża f’kampanja sistematika ta’ assasinju tal-karattru.