F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha inawgura berġa tas-saħħa ġdida f’Marsaxlokk, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li għal darb oħra, illum f’pajjiżna m’għandna ebda każ ġdid ta’ COVID-19 u l-każijiet attivi niżlu għal 33.
Chris Fearne qal ukoll li għall-ewwel darba mis-7 ta’ Marzu 2020, illum m’għandna ebda pazjent bil-COVID-19 fl-isptarijiet f’Malta u f’Għawdex.
Minkejja dan, sfortunatament, fl-aħħar sigħat miet raġel ta’ 82 sena li kien pożittiv għall-COVID-19.
Id-Deputat Prim Ministru nnota li dawn ir-riżultati pożittivi huma riżultat tal-programm ta’ vaċċinazzjoni b’saħħtu li għandna f’Malta, fejn sal-lum ħa jkunu ngħataw aktar minn 615,000 doża tal-vaċċin, b’79% tal-adulti f’Malta ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża.
Chris Fearne qal li minkejja s-sitwazzjoni tajba ħafna f’pajjiżna, wieħed irid jibqa’ kawt u jsegwi dak li qed jiġri madwar id-dinja wkoll.
Innota kif fir-Renju Unit ingħataw kważi l-istess ammont ta’ dożi ta’ vaċċin bħalma ingħataw f’pajjiżna, imma filwaqt li n-numri f’Malta neżlin, fl-Ingilterra tilgħin sew minħabba l-varjant Indjan.
Chris Fearne spjega li filwaqt li n-numri ta’ infezzjonijiet fil-komunità qed jiżdiedu, wieħed irid jara jekk hux se jkun hemm imwiet jew nies li jiġu bżonn l-isptar.
Qal li jista’ jagħti l-każ li peress li hemm ħafna nies imlaqqmin, l-infezzjonijiet ma jirriżultawx f’imwiet jew persuni li jkollhom bżonn il-kura fl-isparijiet.
Għaldaqstant il-bżonn li nibqgħu kawti u nsegwu dak li jkun qed jiġri fix-xena internazzjonali.
Intant fl-aħħar sigħat fiequ ħdax-il persuna oħra mill-Coronavirus u ma feġġ ebda każ minn fost 1,978 test.
Dan ifisser li issa f’pajjiżna hawn 33 każ attiv ta’ COVID-19.
Fiċ-ċentri tal-ittestjar f’pajjiżna saru 959,419-il test.
Ingħataw ukoll 609,867 doża tal-vaċċin.
Minnhom, 346,576 persuna ħadu l-ewwel doża, filwaqt li 274,321 persuna huma kompletament imlaqqma.