Is-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, inħelset mill-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit Nazzjonalista wara li ġiet akkużata li ħadet pożizzjoni li ħassitha li kienet fl-interess tar-residenti iżda li ma kinitx konformi ma’ dak li ried il-Partit. Iżda l-Kap tal-Partit, Bernard Grech, qal li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għadha ma waslitx għandu.
Bernard Grech kien qed jitkellem waqt il-programm XTRA, fuq l-istazzjon nazzjonali.
BERNARD GRECH: “Id-deċiżjoni li tasal għand l-Amministrattiv, dik id-deċiżjoni tiġi kkommunikata, m’għandiex problemi.”
SAVIOUR BALZAN: “Biex nifhem sew, ingħalqet u għadha ma waslitx għandek?”
BERNARD GRECH: “Mhux hekk?”
Kien Bernard Grech li kien qabbad lis-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Michael Piccinino, biex jitlob lis-Sindku Naxxarija tirriżenja fuq allegat kunflitt ta’ interess fuq proġett fin-Naxxar.
Is-Sindku dejjem ċaħdet li kellha xi kunflitt ta’ interess u, wara t-talba tar-riżenja tagħha minn Grech, hija kienet sfidat lill-Kap Nazzjonalista u akkużatu b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti.
Dwar din, Bernard Grech żamm kollox mistur minħabba li d-deċiżjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni tal-partit tiegħu stess din il-kwistjoni ma tatux raġun.
Waqt il-programm Xtra, Bernard Grech ikkritika wkoll lil dawk il-partitarji li jattakkaw il-partit, u sejħilhom armchair critics.
“Ħafna huma l-armchair critics, ħafna huma dawk li jridu l-pajjiż aħjar, ħafna huma dawk li jridu l-partit aħjar, però ftit huma dawk li jidħlu fl-għalqa biex jerfgħu l-piż tad-diffikultà preżenti.”