L-ebda indħil fil-każ tal-ħelsien, permezz ta’ police bail, tal-plejer Daniel Bogdanovic li jinsab mixli li hedded u aggredixxa lil martu.
Hekk ikkonkludiet l-inkjesta li saret mill-ex-Brigadier Carmel Vassallo fuq talba tal-Prim Ministru u li kif imwiegħed kienet ippubblikata.
Fis-sitta ta’ Novembru artiklu ippublikat fuq il-Maltatoday kien irraporta li uffiċjal fi ħdan Ministeru għamel pressjoni biex plejer tal-futbol tax-Xewkija Tigers jinħeles mill-arrest biex jilgħab logħba kontra Kerċem.
Madankollu wara investigazzjoni bir-reqqa, tant li nstemgħu recordings ta’ telefonati u anki ttieħdet xhieda tan-nies involuti fil-każ, ma nstab li l-ebda uffiċjal għoli ma għamel pressjoni biex il-plejer inkwistjoni jingħata dik magħrufa bħala l-police bail.
Dwar dan il-każ, Jesmond Zammit, il-Kap tas-Segretarjat fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea kien issospenda lilu innifsu.
Fi stqarrija, Zammit li huwa wkoll il-kowċ tax-Xewkija, kien qal li sakemm issir l-investigazzjoni se jwarrab minn ħidmietu fil-Gvern sabiex ma jintefa l-ebda dell ikrah fuq il-ħidma tad-dekasteru li għalih s-Segretarju Parlamentari Ian Borg huwa responsabbli.
Intant l-inkjesta ħarġet tgħid li kien hemm telefonata waħda li saret ma’ Jesmond Zammit, liema telefonata ma rriżulta mkien li kienet qed teżerċita xi tip ta’ pressjoni.
“Tant hu hekk li l-coach kien diġa’ għamel arranġamenti biex jittella’ xi ħadd ieħor flok Bogdanovic”, żied jgħid ir-rapport tal-inkjesta.
Filfatt kienet konversazzjoni bejn is-Supretendent u l-Ispettur tal-għassa tar-Rabat Għawdex li wasslu biex Bogdanovic jingħata l-police bail.
Hawnhekk minkejja li ma ntefa’ l-ebda dell ikrah fuq uffiċjali għolja tal-Gvern, l-inkjesta qalet ċar u tond li kien hemm element ta’ nuqqas ta’ sensittivita’ fid-deċiżjoni tal-police bail.
Fid-dawl ta’ dan il-Gvern sostna li qed jifli r-rakkommandazzjonijiet tal-inkjesta u se jkun qed jimplimentahom, fosthom fl-att il-ġdid dwar vjolenza domestika.