Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ddikjarat li ma ttieħed l-ebda vantaġġ dwar għoti ta’ arloġġ u flixken tal-inbid Petrus lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat għall-Gvern Malti, tant li dawn ir-rigali huma reġistrati bħala tal-istat.
Il-Kummissjoni mmexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano flimkien mal-membri Dr Philip Magri u John Rizzo sostniet dan meta investigat ilment ta’ Arnold Cassola dwar ir-rigali li ngħataw minn Yorgen Fenech.
Minn investigazzjoni li wettqet din il-Kummissjoni u li r-rapport tagħha tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra, ma rriżultax li kien hemm il-korruzzjoni.
Quddiem il-Kummissjoni xehdu bosta nies fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Cassola nnifsu, b’dan tal-aħħar qal li ma tantx kellu xi jżid hekk kif straħ fuq rapporti tal-midja.
Mill-investigazzjoni ħareġ li r-rapporti tal-midja kienu skorretti fuq bosta affarijiet fosthom anki fuq l-arloġġ li mhux veru kien iġorr in-numru 17 iżda n-numru 2.
Ħareġ ukoll li l-kumpanija Electrogas li kienet fdata bil-proġett tal-Powerstation ta’ Delimara fil-fatt ħallset €11-il miljun bħala parti mill-garanzija bankarja li dwarha l-Gvern Malti anki kkonsulta mal-Kummissjoni Ewropea.
Ingħad li bil-€11-il miljun il-Gvern uża dawk il-flus biex inbniet skola.
Dr Muscat ċaħad li r-rigali ngħataw b’rabta mal-Electrogas filwaqt li mix-xhieda ħareġ ukoll li rigali simili ngħataw lill-Gvern Malti taħt amministrazzjonijiet preċedenti iżda li tagħhom ma hemmx akkont permezz ta’ inventarju li taħt Dr Muscat fil-fatt sar.
Fl-istess rapport il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni sabet ukoll li ma twettaq l-ebda reat minn Michael Farrugia li dak iż-żmien kien Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar.
Cassola kien ilmenta dwar laqgħa li kienet saret ma’ Fenech u żvilupp fl-Imrieħel.
Iżda l-Kummissjoni ddikjarat li hi sodisfatta bl-ispjegazzjonijiet li ngħatat u li t-tali laqgħa ma saritx dwar l-Imrieħel.