Diversi mezzi tal-midja xerrdu dan il-filmat li kien qed jiċċirkola fuq Facebook, filwaqt li taw l-impressjoni li qed isir xi “disprezz sfaċċat għar-regolamenti ambjentali” fuq l-ekosistema marittima, fost l-oħrajn.
ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali, Ramon Deguara, biex jispjegalna eżatt il-filmat inkwistjoni. Hu spjegalna li l-ħidma li ssir, biex jinżammu nodfa t-toroq tagħna, waqt li ċċara fuq il-prodotti tat-tindif li ntużaw ma jħallu ebda impatt negattiv fuq l-ekosistema marittima.
Huwa qal “Meta wieħed iħalli borża tal-iskart fejn il-kontenituri tal-iskart, din tħalli ċertu tebgħat mal-art u ovjament mhux possibli illi din titneħħa bl-ilma nadif waħdu, trid tintuża bilfors xi floor detergent. Aħna l-floor detergents illi nużaw bħala diviżjoni li jintlaqaw wara sejħa għall-offerti huma kolla deskritti bħala environmentally sound products, iġifieri dawn huma pruvati u għandhom it-tabella mwaħħlu magħhom allura ma jagħmlu ebda ħsara lil ambjent”
Id-Direttur Ġenerali kompla jispjega li t-taraġ sfortunatament jintuża bħala latrina pubblika u għalhekk kellu jitnaddaf biex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku mingħajr rwejjaħ.
Clean Malta matul is-sajf estendiet l-operat tagħha biex isiru interventi sanitarji f’kull promenade madwar il-pajjiż fil-ħinijiet bikrin tal-4:30 ta’ filgħodu, mill-promenade tal-Għadira sa dik ta’ Birzebbugia, li ta’ bilħaqq isiru matul il-lejl. Minbarra hekk, flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu, saru diversi investimenti, fosthom permezz ta’ kontenituri ġodda.
Finalment id-Direttur Ġenerali għamel appell u saħaq li ġurnalisti għandhom dejjem jikkonfermaw l-fatti qabel ma’ jippubblikaw artikli għax inġustifikament tista’ issir ħsara fil-konfront tal-ħaddiema li jaħdmu qatiegħ biex iżommu pajjiżna nadif.
Huwa qal “Matul dan is-sajf investejna ukoll f’kontenituri tal-iskart ġodda fuq dawn il-promenade, iġifieri dawn jiswew eluf kbar ta’ ewro ukoll, aħna qedgħin nassistu lill-Kunsilli Lokali b’mod partikolari”.
Finalment qal “L-appell tiegħi hu li napprezzaw l-ħidma ta’ dawn il-ħaddiema, nerġa’ nassigura li mhux qed issir l-ebda ħsara lill-ambjent.”