Waqt konferenza fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, intqal kif Malta qed tikseb riżultati pożittivi relatati ma’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol minħabba l-kultura ta’ għarfien u t-tixrid ta’ informazzjoni li tgħin tipprevjeni l-inċidenti.
Dan saħansitra intqal mill-Viċi Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, Stefan Olsson
“Malta has a fewer accidents as a real culture of dialogue and attention which then which according to a number of indicators means that Malta is doing very very well.”
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Mark Gauci tkellem dwar kif ir-riżultati tajbin huma frott l-għarfien li l-awtorità qed toħloq.
Huwa spjega li l-awtorità tassigura wkoll li tinforma kemm lill-ħaddiema u anke lil min iħaddem, filwaqt li tagħti importanza lill-edukazzjoni u l-infurzar.
Preżenti għal din il-konferenza, l-Ministru għax-Xogħolijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif l-awtorità flimkien mal-istakeholders qed jaħdmu sabiex isaħħu l-kultura ta’ sigurtà fuq kull post tax-xogħol.
“Fl-għoxrin sena li għaddew, inkiseb ħafna. Sar ħafna xogħol. Imma issa wasal iż–żmien li nkomplu nżidu dan ix-xogħol u naraw il-bidliet li għandna bżonn għal aktar saħħa u sigurta’ fuq kull post tax-xogħol. Irridu naraw li f’ pajjiżna, dil-kultura tkun aktar b’saħħitha u ‘l quddiem biex ikollna awtorita’ aktar dinamika u awtorita’ li tkompli żżid fuq il-kisbiet li diġa’ għamlet.”
Zrinzo Azzopardi temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja l-awtorità biex tkompli tagħti aktar informazzjoni u tadatta ruħha biex il-ħidma tagħha tibqa’ effettiva.
Din il-konferenza kienet indirizzata minn diversi kelliema kemm Maltinu kif ukoll barranin.