Kull membru tal-midja li applika għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ Jum ir-Repubblika, ġie akkreditat u tħalla jidħol fiż-żoni rispettivi.
La l-Gvern u lanqas id-Dipartiment tal-Informazzjoni ma ċaħdu l-aċċess lil xi ġurnalisti b’rabta ma’ dawn l-istess attivitajiet.
Dan intqal fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, b’referenza għal artiklu fuq The Shift li rrapporta li l-Gvern ċaħħad ġurnalista milli tattendi għal dawn l-attivitajiet.
Fl-istqarrija ingħad li s-Sinjura Caroline Muscat kienet infurmata bl-applikazzjonijiet onlajn tad-DOI bl-istess mod li bih kienu nfurmati ġurnalisti oħra, iżda għażlet li ma tapplikax biex tingħata dik li tissejjaħ Access Card.
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni fakkar li bħalma jiġri f’pajjiżi oħra meta jkun hemm ċerimonji nazzjonali, il-membri tal-midja huma mitluba jirrispettaw il-proċeduri b’rabta mal-aċċess għall-postijiet fejn ikunu se jsiru l-attivitajiet.