Waqt il-program L-Argument Ikompli tal-bieraħ, il-president ta’ Sliema Wanderers Keith Perry sostna li mhux ser ikun hemm għaġġla sabiex jinħatar kowċ ġdid ta’ Sliema Wanderers. Perry qal dan wara li nhar il-Ħadd filgħaxija waslu fi qbil mal-kowċ John Buttigieg sabiex jinħallu minn kull rabta li kien hemm bejniethom.
Il-president ta’ Sliema sostna li għal-logħba ta’ nhar il-Ħadd kontra Gżira United ser ikun l-assistent kowċ Ivan Woods li jmexxi lit-tim. Perry qal li Woods huwa l-kowċ futur ta’ Sliema iżda minħabba l-impenji li għandu fil-mument ma jistax jkun l-istess Woods li jieħu r-responsabbiltà tat-tim għall-kumplament tal-istaġun.
Perry sostna li hemm plejers li jridu jieħdu responsabbiltà tar-riżultati negattivi tat-tim u mhux eskluż li xi plejers jħallu lit-tim fis-sigħat li ġejjin.