Ġimgħa wara li The Sunday Times żvelat li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija dwar każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra, l-istrutturi interni fil-Partit Nazzjonalista tul din il-ġimgħa, naqsu milli jiddiskutu dak zvelat fil-konfront ta’ Adrian Delia.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ The Sunday Times, bil-kundizzjoni tal-anonimità, qalu li kollox baqa’ business as usual fil-Partit Nazzjonalista. Saħqu li l-inqas ħaġa li kellu jagħmel Adrian Delia, li huwa wkoll il-kelliem għall-governanza tajba, kien li jagħti xi forma ta’ spjegazzjoni biex iserraħ moħħ kulħadd.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista esprimew ir-rabja tagħhom ma’ The Times, kif la l-Grupp Parlamentari u lanqas il-Kunsill Amministrattiv ma ddiskutew xejn dwar il-Kap Nazzjonalista.
Esponent Nazzjonalisti qal lil The Times li minkejja li “l-elezzjonijiet ta’ Mejju jinsabu fil-qrib, il-Partit Nazzjonalista flok qiegħed jiggwadanja, qiegħed jitlef.”
Meta mistqosi, il-Kelliem għall-Partit Nazzjonalista ma tax dettalji dwar x’azzjonijiet se jittieħdu fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, għax qal li dwaru hemm biss allegazzjonijiet infondati.
Iżda aktar sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lit-Times li l-biża’ hi li sal-elezzjonijiet ta’ Mejju joħorġu aktar stejjer fil-konfront ta’ Adrian Delia.
Intant, l-editorjal tal-MaltaToday ukoll kiteb dwar dak li ġie żvelat fuq il-Kap Nazzjonalista.
L-Editorjal qal li minkejja li għadu kmieni sabiex jingħad jekk Adrian Delia jibqax kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjonijiet Mejju, il-mod kif jaġixxi meta jkun hemm stejjer fil-konfront tiegħu, jidher li m’għandux ċans isalva.
Mal-MaltaToday ingħaqqad ukoll l-editorjal tal-Illum, bit-titlu: “Delia, il-kejl ta’ ħaddieħor jgħodd għalik ukoll.”
L-Editorjal tal-Illum qal li dak li ġie rrappurtat il-Ħadd li għadda jitfa’ lill-Partit Nazzjonalista fi żvantaġġ, għax il-fatt jibqa’ li l-pulizija qegħdin jinvestigaw allegazzjoni serja u l-irbit tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ xibka ta’ prostituzzjoni f’Londra, u li l-FIAU kitbet rapport dwar din ix-xibka u r-rabta li Delia għandu magħha.
Sostna li ladarba Delia qiegħed jinsisti li persuni li qed ikunu investgati m’għandhomx jibqgħu fil-poter, il-kejl jgħodd għalih ukoll.
L-Editorjal tal-MaltaToday u l-Illum jingħaqdu mal-editorjal tat-Times of Malta li nhar il-ġimgħa wkoll sejjaħ għas-sospensjoni ta’ Delia mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.