Is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ċaħad kategorikament li kien hemm direct order fuq proġetti f’San Vinċenz De Paule ma’ JCL & MHC Consortium. Il-kuntratt għall-estensjoni ta’ San Vinċenz de Paule sar skont ir-regoli tal-procurement stipulati u f’kull pass kien hemm l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.
Minkejja li s-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ċaħad u informa lil Times of Malta b’dan kollu f’April li għadda, l-istess ġurnal qed jippersisti fil-gideb u jgħid illi dan kien direct order.
Is-Segretarjat Parlamentari jinnota illi fl-10 ta’ Novembru 2015 kienet ippubblikat sejħa pubblika għall-offerti fuq bażi ta’ public private partnership mid-Dipartiment tal-Kuntratti, liema tender kien evalwat skont ir-Regolamenti tax-Xiri Pubbliku. Żewġ offerti ġew sottomessi fejn l-offerta ta’ JCL & MHC Consortium instabet bħala l-aktar waħda vantaġġjuża skont il-kriterji stabbiliti fis-sejħa.
Din id-deċiżjoni kienet ikkontestata darbtejn, l-ewwel mal-Public Contracts Review Board (deċiżjoni li ġiet ippubblikata fl-20 ta’ Settembru 2016), imbagħad mal-Qrati ta’ Malta(deċiżjoni li ġiet ippubblikata fl-14 ta’ Frar 2017); fejn fiż-żewġ okkażjonijiet ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni li ħa l-bord tal-evalwazzjoni. Dan jikkonferma biċ-ċar li l-proċess kien ġust u trasparenti.
Wara li ġiet mogħtija din is-sejħa u għaddiet minn kull proċess ta’ skrutinju, ġie ffirmat il-kuntratt ma’ JCL & MHC Consortium. Il-konsorzju rebbieħ għażel li jtejjeb l-offerta tiegħu fejn flok is-somma annwali li kellha titħallas matul l-kuntratt (10 snin), jagħmel investiment fil-faċilità fi żmien tliet snin, fejn jirduppjaw in-numru ta’ sodod offruti oriġinarjament minn 252 għal-504. Dan l-investiment ulterjuri kien jinkludi wkoll il-proviżjoni ta’ servizzi anċillari, tmexxija tal-wards, nurses, carers, cleaners, servizzi ta’ catering, servizzi ta’ laundry, servizzi ta’ anzjanità attiva, kif ukoll servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ sigurtà. Barra li dan l-investiment propost se jgħaddi kompletament għand il-Gvern Malti wara li jiskadu t-termini tal-kuntratt, ser iġib miegħu savings sostanzjali lil Gvern Malti fuq ir-rata li l-Gvern iħallas għal kull sodda.
Din il-proposta li saret min-naħa ta’ JCL & MHC Consortium għaddiet lill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti li approva r-rakkomandazzjoni bażi ta’ rapporti tekniċi u finanzjarji li ġew ppreżentati lilu. Din hija l-prassi normali, stabbilita mir-Regolamenti tax-Xiri Pubbliku, kull meta tintuża l-Proċedura Negozjata.
Permezz ta’ dan l-investiment se jibbenefikaw anzjani li jkunu qegħdin jistennew biex jingħataw kura minħabba livell għoli ta’ dipendenza.
Il-faċilitajiet il-ġodda mistennija jkunu bdew jagħtu s-servizzi fi żmien tliet snin minn kif joħroġ il-permess min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, liema proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu.
Il-faċilitajiet il-ġodda se jkunu mmexxija permezz ta’ public private partnership fejn San Vinċenz se jibqa’ jieħu ħsieb is-servizzi ta’ mediċina u dawk kliniċi filwaqt li l-Consortium se jieħu ħsieb is-servizzi msemmija.
Is-Segretarjat jenfasizza l-fatt illi d-diskussjoni u l-possibilità ta’ negozjar fil-kuntratt saret skont il-liġi u prassi stabbiliti. Id-Dipartiment jikkonferma li din is-sejħa għall-offerti kienet ippublikata bħala public private partnership, u b’hekk f’dawn il-kuntratti huwa normali li jkun hemm aktar negozjati u element ta’ investiment privat hekk kif ġara fi proġetti oħra.
In-negozjati wasslu sabiex il-Gvern iġib rati aktar vantaġġjużi u b’hekk tonqos l-ispiża rikurrenti minn dik attwali, b’ possibilià ta’ savings ta’ 17-il miljun ewro tul il-perjodu tal-kuntratt flimkien ma iktar servizzi għall-anzjani ta’ dipendenza għolja f’populazzjoni li qiegħda tixjieħ.