Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kummissjoni tiegħu għall-Etika ta biss twiddiba iżda ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi li ġie żvelat li ħa kamra b’xejn f’lukanda lussuża f’Tel Aviv.
Din il-kamra fil-lukanda Hilton tħallsitlu mill-grupp tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
L-uniku ħaġa li qalet b’mod ċar, din il-Kummissjoni li fiha membru minnhom kellu jirrikuża ruħu, kien li tagħti ċanfira lil Jason Azzopardi.
Il-membru fil-Kummissjoni Jean Karl Soler irrikuża ruħu fuq talba ta’ Jason Azzopardi, anki jekk iddikjara li fil-fehma tiegħu ma kienx hemm raġuni valida biex jirrikuża ruħu.
Fir-rapport tal-Kummissjoni ġie kkonfermat dak li kien rappurtat qabel, jiġifieri li miegħu, Jason Azzopardi ħa lil David Thake, li ma’ ONE News iddefenda lil Azzopardi u benġel ir-rigal li ħa Azzopardi m’għand ta’ Fenech billi qal li Azzopardi xtara rigal lura.
Fil-fatt quddiem il-Kummissjoni Etika mhux indipendenti tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi semma dan il-fatt, u fil-fatt dan l-argument jissemma fir-rapport tal-Kummissjoni Nazzjonalista.
Qabel il-Kummissjoni Etika suppost investigat lil Jason Azzopardi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ikkomprometta ħidmet din il-Kummissjoni billi ddefenda lil Azzopardi u qal li dan huwa politiku li għamel ħafna ġid.
Qabel waslet it-twiddiba iżda n-nuqqas t’azzjoni tal-Kummissjoni Etika, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ta ċamata lil Jason Azzopardi għal dak żvelat dwaru b’rabta mal-mawra tiegħu f’Tel Aviv.
Hyzler kien sejjaħ it-talba ta’ Jason Azzopardi bħala superfluwa meta kien jaf li Hyzler huwa prekluż bil-liġi li jinvestigah għal każ li ġara fl-2017, jiġifieri qabel inħoloq l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Intant fl-aħħar jiem ġew żvelati iżjed stejjer dwar x’servizzi b’xejn ħa Jason Azzopardi.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/20/l-ghaqda-repubblika-tilfet-il-kredibilita-meta-waqghet-fi-skiet-li-jtarrax-fuq-jason-azzopardi-l-independent/