L-ebda arma m’hi liċenzjata fuq isem Deniro Magri. Din kienet l-aktar xhieda li spikkat fil-Qorti meta kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-każ ta’ qtil ta’ Sylvester Farrugia, li għalih hemm Magri akkużat.
Pulizija ieħor stazzjonat fl-għassa tal-Ħamrun xehed li huwa mar fuq il-post fejn ra l-vittma rasu ‘l fuq fi Triq Simpson fil-Marsa.
“Farrugia kellu d-demm ħiereġ minn ħalqu u dmija oħra fuq sidru”, saħaq il-pulizija hu u jixhed filwaqt li l-qraba tal-akkużat u l-vittma segwew b’attenzjoni liema bħalha fl-awla tal-Qorti.
Il-pulizija żied jgħid li l-investigaturi qagħdu attenti ma jċaqalqux il-ġisem bla ħajja ta’ Farrugia.
Id-difiża għal Deniro Magri dejjem ċaħdet li l-klijent tagħha ried joqtol lil Farrugia u ntqal li huwa kien spara biex jiddefendi ruħu hekk kif il-vittma u persuni oħra marru quddiem il-bieb tar-residenza tiegħu.