“L-Unjoni Ewropea qiegħda quddiem nett fl-ambizzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda l-qbil li kien hemm fl-aħħar tal-COP26 juri li għad baqa’ ħafna x’nagħmlu biex nikkonvinċu l-kumplament tad-dinja żvilupata dwar ir-responsabilità li kull wieħed u waħda minna għandna quddiem din il-kriżi ekoloġika li d-dinja qiegħda taffaċċja.” Dan qalu l-Membru Parlamentari Cyrus Engerer fit-tmiem tal-konferenza globali COP26 fi Glasgow.
Huwa ġie magħżul bħala parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fejn f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi kien akkumpanjat mill-Viċi President tal-Grupp Mohammed Chahim u l-koordinatur tal-grupp dwar l-ambjent Jytte Guteland.
L-Ewroparlamentari Engerer qal li l-effetti tat-tibdil fil-klima diġà qegħdin jinħassu madwar id-dinja, speċjalment fil-Mediterran li hu l-iktar reġjun fid-dinja li qiegħed jara rata mgħaġġla ta’ bidla fejn it-temperatura diġà żdiedet b’1.1 grad celsius u fejn r-rata ta’ bidla hi 20% iktar mgħaġġla mill-kumplament tad-dinja.
Huwa tenna li s-sena d-dieħla l-COP se jkun qiegħed jiltaqa’ fl-Eġittu u bħala pajjiżi Mediterranji rridu naħtfu l-opportunità biex niffukkaw fuq ir-realtajiet ta’ madwarna. Saħaq li l-qbil tal-COP26 dwar l-impenn għal sistema ta’ finanzjament għall-addattazzjoni u mhux biss mitigazzjoni kien pożittiv. Il-Membru Parlamentari Ewropew Engerer tenna li l-ħsara u t-telf li numru ta’ pajjiżi qegħdin jesperjenzaw minħabba t-tibdil fil-klima hi reali u tanġibbli. Sostna li wasal iż-żmien li d-dinja żvilupata li storikament għandha ħafna mill-ħtija għas-sitwazzjoni preżenti terfa’ r-responsabilità b’mod konkrett f’azzjoni biex il-pajjiżi l-iktar milquta jaddattaw għar-realtajiet il-ġodda
Engerer qal li l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ fuq quddiem nett fl-ambizzjoni u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Huwa saħaq li Malta għandna l-Green Deal, u hija l-uniku pajjiżi b’liġi dwar il-klima. Aċċenna wkoll għall-fatt li Malta qed tipprepara t-triq għall-2030 permezz tal-Fit for 55 package.
L-Ewroparlamentari Engerer stqarr li hu onorat li ngħata l-opportunità biex jagħti s-sehem tiegħu, rigward il-klima bħala r-rapporteur għal-liġi dwar l-Market Stability Reserve tal-ETS.