EasyJet mistennija ssegwi fuq il-passi ta’ linji tal-ajru oħrajn, b’mod partikolari r-Ryanair, u se tespandi l-operat tagħha f’pajjiżna.
Dan wara li wriet l-intenzjoni tagħha li tixtri l-kumpanija SR Technics Malta Ltd biex ikollha l-hub ewlieni tagħha fostna għall-manutenzjoni tal-ajruplani fil-flotta tagħha.
Dan kien espress f’avviż ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA.
L-SR Technics, li f’Marzu tal-2022 kabbret l-operat tagħha stess f’pajjiżna bl-inawgurazzjoni mill-Prim Ministru Robert Abela tal-faċilità l-ġdida f’Ħal Farruġ wara investiment ta’ €42 miljun, illum timpjega 430 ħaddiema f’impjiegi ta’ kwalità f’Malta.
L-EasyJet, min-naħa l-oħra, għandha flotta ta’ madwar 340 ajruplan, li joperaw f’iżjed minn elf rotta f’ħamsa u tletin pajjiż.