Iċ-Ċittadella ta’ Għawdex se tingħaqad ma’ postijiet u landmarks magħrufa madwar id-dinja biex tipparteċipa fl-Earth Hour, inizjattiva intiża biex tqajjem kuxjenza dwar l-isfidi ambjentali.
Id-dwal taċ-Ċittadella ser jintfew bejn it-8.30 pm u d-9.30 pm tas-Sibt 30 ta’ Marzu, u ser ikun hemm numru ta’ attivitajiet organizzati mill-Gozo Space Lab immirati biex iqajmu kuxjenza partikolarment fost il-pubbliku inġenerali. Dawn l-attivitajet, li se jsiru bejn is-6.00 pm u l-10.00 pm, jinkludu star gazing, wirja u attività ta’ tħawwil ta’ siġar.
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jipparteċipa f’din l-inizjattiva internazzjonali favur l-ambjent.
Għall-okkażjoni ser tintefa wkoll il-faċċata tal-Ministeru għal Għawdex u l-Funtana tat-Tliet Għoljiet li tinsab fi Triq ir-Reppublika, fir-Rabat, Għawdex.