Is-sistema tal-e-ID Maltija li titmexxa minn Identity Malta, kisbet l-ogħla ċertifikat ta’ sigurtà lokali u anke fuq livell Ewropew, u issa qiegħda fil-proċess li tiġi rikonoxxuta b’mod uffiċjali mill-eIDAS. Din hija l-pjattaforma ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea għal tranżazzjonijiet siguri bejn pajjiż u ieħor.
Dan ifisser li kull min għandu l-e-ID f’Malta se jkollu aċċess għal diversi servizzi virtwali li joffru pajjiżi Ewropej oħra, fosthom servizzi marbuta mat-taxxa jew servizzi ta’ saħħa.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’ li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat. Hawn ġie spjegat li s-sistema lokali tal-identità għaddiet minn assessjar rigoruż minn esperti Ewropej biex tkun żguarata s-sigurtà u l-awtentiċità tal-informazzjoni bejn il-fruntieri. Ġie sġjegat ukoll li għall-ewwel darba kemm ilu jsir dan il-proċess, Identity Malta se tkun qed tassessja pajjiżi oħra li jistgħu jikkwalifikaw, bl-ewwel assessjar isir fuq l-iskema tal-Awstrija.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li dan hu ta’ benefiċċju kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini u għas-servizzi tal-gvern Ewropej, għaliex jippromwovi l-fiduċja u l-konvenjenza fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet online.
Huwa stqarr: “Dawn iċ-ċittadini kollha, Maltin u mhux, qed nagħtuhom il-fakultà li jaċċessaw servizzi virtwali li qabel ma kellhomx. Fl-istess ħin allura mhux innaqsu biss il-burokrazija tagħna, jiġifieri nnaqsu ċertu xkiel burokratiku, imma qed innaqsu l-burokrazija wkolla fuq livell li jiżboq il-fruntieri tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, Anton Sevasta spjega li l-karta tal-identità Maltija u d-dokumenti ta’ residenza elettronika, li tnedew dan l-aħħar, tfasslu mill-bidu nett b’mod li jippermetti din it-tip ta’ ħidma: “L-aġenzija se tkun ukoll qed tinforza 2-factor authentificator b’mod obbligatorju fix-xhur li ġejjin. Dan se jsir b’mof gradwali skont il-gruppi u skont l-età. B’hekk l-e-ID se nżidu aktar sigurtà fuqha.”