B’referenza għad-direttivi industrijali ordnati mill-Union Ħaddiema Magħqudin f’Aġenzija Sapport, is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jħoss li l-azzjonijiet meħuda mill-UĦM huma sproporzjonati u eċċessivi, dan għaliex diġà ngħataw żidiet tajbin kemm fil-paga bażika u anke f’numru t’allowances li l-istess union taqbel magħhom.Dawn iż-żidiet, flimkien ma’ numru t’allowances ġodda jikkumparaw tajjeb fl-istess settur, u dan għal benefiċċju ta’ mijiet ta’ ħaddiema fl-Aġenzija Sapport kollha.
Il-UĦM qiegħda ssostni li ammont żgħir ħafna ta’ ħaddiema ta’ madwar tnax li qed jagħmlu dan ix-xogħol abbażi tal-esperjenza, jixtiequ li jingħataw grad ogħla minn dak li qegħdin issa fih.
Is-Segretarjat Parlamentari jinnota li din it-talba hija rigressiva u tista’ twassal għal diżgwid fost il-ħaddiema, speċjalment għal dawk li għandhom kwalifika.
Fl-aħħar sigħat kien hemm laqgħa ta’ diskussjoni oħra, fejn is-Segretarjat Parlamentari pprova jilħaq kompromess permezz ta’ proposta oħra, liema proposta kienet irrifjutata mill-UĦM.
Permezz tal-azzjonijiet industrijali ordnati mill-istess UĦM bħalissa hemm 480 persuna b’diżabilità li qegħdin jiġu milquta negattivitament għaliex mhumiex jirċievu s-servizzi meħtieġa. Dan ukoll qed iwassal għal nuqqas ta’ serħan il-moħħ fost il-familjari ta’ dawn l-istess persuni.
Is-Segretarjat Parlamentari flimkien mat-tmexxija tal-Aġenzija Sapport jappellaw lil UĦM sabiex jirrenja s-sens komun u r-rieda tajba biex ma jibqgħux ibatu l-persuni b’diżabilità u jitneħħew id-direttivi li qed isiru biss minħabba t-tnax-il impjegat imsemmija u l-uniontersaq għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv. Dan għaliex il-pakkett li prattikament diġà huwa maqbul, se jkun ta’ gwadann sostanzjali għall-mijiet ta’ ħaddiema tal-Aġenzija, inkluż it-tnax li fuqhom il-union qed tibqa’ tagħmel l-azzjonijiet.