B’referenza għall-istqarrija tal-UĦM dwar l-azzjonijiet industrijali ordnati f’Aġenzija Sapport, is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jtenni li mhu minnu xejn dak li qed tgħid il-UĦM li għad baqa’ diversi pendenzi dwar il-ftehim kollettiv.
Il-pendenzi kollha li kien baqa’ kienu riżolti kollha f’laqgħa li sejjaħ is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru, liema laqgħa damet diversi sigħat u li fiha l-union u l-management ta’ Aġenzija Sapport laħqu qbil dwar kollox ħlief għal kwistjoni waħda.
Dan hu anke konfermat mill-fatt li t-Tnejn 10 ta’ Settembru ssejħet laqgħa oħra mis-Segretarjat Parlamentari li fiha l-UĦM baqgħet tinsisti biss dwar l-unika talba pendenti li baqa’ minkejja li l-management għamel kontro-proposta ġusta li tirrispetta lin-numru zgħir ta’ ħaddiema involuti imma żżomm bilanċ mal-ħaddiema kollha ta’ Aġenzija Sapport.
Is-Segretarjat itenni li l-azzjonijiet li qed tagħmel il-UĦM huma sproporzjonati għax qed isiru dwar kwistjoni waħda li fil-kuntest kollu hi kwistjoni żgħira iżda b’riperkussjonijiet li jistgħu jkunu kbar għax tista’ twassal għal diżgwid fost il-ħaddiema u għal talbiet mhux sostenibbli. Dawn l-azzjonijiet ma jistgħu qatt ikunu ġustifikati għax qed iwasslu għal tbatija żejda u bla bżonn fuq mijiet ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Il-UĦM taf li diġà sar qbil dwar pakkett finanzjarju li bih se jingħataw żidiet tajbin kemm fil-paga bażika u anke f’numru ta’ allowances lill-ħaddiema kollha ta’ Aġenzija Sapport li l-istess union taqbel magħhom. Il-UĦM taf li sar qbil dwar kollox ħlief fuq talba waħda li fit-totalità tagħha mhix ġustifikata.
Is-Segretarjat għalhekk jibqa’ jappella lill-UĦM biex turi sens komun, ma tkomplix tikkawża tbatija fuq il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, twaqqaf l-azzjonijiet industrijali minnufih u tersaq għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv li minnu se jgawdu b’mod sostanzjali l-ħaddiema kollha ta’ Aġenzija Sapport.