Il-ġurnali lokali tal-Ġimgħa rrapportaw bi prominenza l-inizjattiva mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela jum qabel, biex jinżamm prezz stabbli għal erba’ mitt prodott tal-ikel fi ħmistax-il kategorija.
L-Orizzont irrapportat kif il-ftehim iffirmat, se jfisser stabbiltà fil-prezzijiet.
L-editorjal tal-gazzetta, bit-titlu “Gvern li jħaddan Politika ta’ Stabbiltà”, jinnota li l-Gvern ħa passi biex jara kif l-inflazzjoni ma tkunx ta’ piż għall-poplu.
L-editur sostna li biex intlaħaq dan il-ftehim saru numru ta’ laqgħat f’dawn l-aħħar ġimgħat u anke eżerċizzju wiesgħa biex ikunu magħrufa l-kategoriji ta’ prodotti li huma fost l-aktar li jikkonsmaw in-nies.
Intqal li filwaqt li huwa minnu li għandna suq ħieles, dan id-djalogu mal-partijiet ikkonċernati kien kruċjali, fejn kulħadd fehem l-importanza ta’ dan il-pass.
L-editur tal-Orizzont innota b’sodisfazzjon li hemm ’il fuq minn mitejn ħanut madwar il-pajjiż li qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva, waqt li se tingħata għajnuna wkoll lill-ħwienet iż-żgħar.
Huwa ġab fix-xejn l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista, li l-Gvern qiegħed jinjora l-piż tal-prezzijiet fuq il-familji, jew li qed jibqa’ ċass quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
“Anzi pjuttost bil-maqlub. Il-Gvern kompla jaħdem bil-politika tiegħu ta’ stabbilità f’kull deċiżjoni li ħa”, temm jinnota l-editorjal tal-Orizzont.
Intant, il-gazzetti bl-Ingliż ‘Times of Malta’ u ‘The Malta Independent’ ukoll irrapportaw din l-aħbar bi prominenza fuq il-faċċata tagħhom.
It-‘Times’ irrapportat dak li ntqal fil-konferenza li saret mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, filwaqt li kkwotat lill-Prim Ministru jgħid li l-Gvern irid jipprovdi prezzijiet stabbli u serħan il-moħħ lill-familji.
L-‘Independent’ irrapportat li l-prezz stabbli mill-bidu ta’ Frar se jkun dak li kien hemm f’Ottubru li għadda. Dan se jfisser li r-roħs ta’ ħmistax fil-mija se jinħadem fuq il-prezz tal-prodott essenzjali kif kien f’Ottubru.
U bħal dejjem, kienet biss il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, ‘In-Nazzjon’, li kienet iżolata fin-negattività dwar inizjattiva li se tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.