Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax iniżilha li l-fallimenti tiegħu tul 25 sena qed jiddawwru f’suċċess tul leġislatura waħda bi Gvern immexxi minn Joseph Muscat, qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-PL qal li Simon Busuttil ma kienx kapaċi jsaħħaħ lill-Enemalta u ħalliha f’dejn ta’ 800 miljun ewro b’theddida fuq l-impjieg tal-ħaddiema kollha. Simon Busuttil ma kienx kapaċi jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Simon Busuttil ma kienx kapaċi jaqleb il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-heavy fuel oil għall-gass.
Kompla billi qal li l-bidliet pożittivi issa twettqu, f’inqas minn 4 snin taħt Gvern Laburista grazzi għal pjan tal-enerġija li ngħata ċertifikat ieħor din il-ġimgħa minn Standard and Poor’s. Mhux ta’ b’xejn li l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddejjaq jitkellem fuq dawn is-suċċessi, u jipprova jaqleb id-diskors fuq id-diska miksura tiegħu.
Illum l-unika theddida għall-Enemalta u l-qasam tal-enerġija huwa Simon Busuttil li lest iqatta l-kuntratti li ġabu s-settur lura fuq saqajh. Taħt Simon Busuttil l-Enemalta terġa tiġi għal rkuptejha, intqal fl-istqarrija.
L-istqarrija temmet tgħid li wieħed ma jistenniex aħjar minn Kap ta’ Partit li jiftaħar li l-messaġġ tiegħu huwa l-messaġġ ta’ min jemmen li l-poplu Malti u Għawdxi huwa injorant. Simon Busuttil jista’ jserraħ rasu li l-familji u n-negozji huma intelliġenti u se jaslu għal ġudizzju tagħhom dwar l-azzjoni li ħa l-Prim Ministru biex twettqet bidla pożittiva għall-Enemalta u l-ħaddiema tagħha.