“Nixtiequ ninnutaw kif il-Knisja għarfet l-iżbalji gravi li kienu qed isiru minn xi persuni fi ħdanha u qed taħdem biex dawn id-dnubiet orrendi ma jibqgħux iseħħu u li jekk iseħħu jiġu mikxufa u ndirizzati kemm jista’ jkun malajr u fl-akbar interess u ġid tal- persuna vulnerabbli”.
Dan qalitu l-Azzjoni Kattolika Maltija, li tirrappreżenta lajċi Kattoliċi. Fi stqarrija laqgħu r-rapport maħruġ mis-Safe Guarding Commission tal-Knisja Maltija fil-bidu ta’ dan ix-xahar. L-Azzjoni qalet li hu fl-interess tagħha li jkunu aċċertati li l-Knisja tagħmel kull ma tista’ biex tassigura li jiġu evitati u ndirizzati kull każ ta’ abbuż.
L-Azzjoni Kattolika wriet it-tħassib tagħna dwar il-fatt li f’ċerti każijiet, hemm persuni li jużaw l-akkużi ta’ abbuż, biex jagħmlu ħsara lil persuni li fir-realtà ma jkunux wettqu ebda reat.
Aktar kmieni one.com.mt irrapporta li minn 27 ilment li rċeviet is-Safeguarding Commission tal-Kurja dwar tfal vulnerabbli bejn Frar u Diċembru 2015, kien hemm każ wieħed fejn l-allegazzjoni ġiet sostanzjata. F’dan il-każ il-Kummissjoni rrakomandat li jittieħdu l-passi meħtieġa.
L-ilmenti l-oħra konklużi jew ma ġewx ipprovati jew l-allegazzjoni kienet falza, inkella saru b’mod malizzjuż jew ma kinux jitrattaw abbuż.
L-Azzjoni Kattolika ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet ċivili biex filwaqt li jibqgħu jsaħħu l-ġlieda kontra l-abbużi fuq persuni vulnerabbli, u jagħmlu dan b’pass aktar mgħaġġel, jiġu żviluppati sistemi biex allegazzjonijiet ta’ abbużi jigu investigati sew qabel xi persuna tiġi mressqa fil-Qorti jew esposta fil-media.