F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (iċ-Chamber of SMEs) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern se jibqa’ jemmen fl-investiment u fis-sostenn tal-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.
Dr Abela qal li fi żmien meta f’pajjiżi Ewropej oħra n-negozji qed jiġu mwaqqfa milli jkomplu jaħdmu billi tinqatgħalhom il-provista tal-elettriku minħabba l-kriżi fil-qasam tal-enerġija, Malta kisbet derogi mill-UE biex l-intrapriżi jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel u f’pajjiżna qed jingħataw ukoll l-akbar sussidji fl-Ewropa f’dan il-qasam.
Il-Prim Ministru qal li dan qed isir b’responsabbiltà u għax il-Gvern jemmen li, wara li tgħaddi l-kriżi tal-enerġija, in-negozji f’pajjiżna se jkunu f’qagħda li jaħtfu l-opportunitajiet ta’ rkupru.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija u kif, meta n-negozji sabu s-sostenn tal-Gvern, dawn baqgħu kapaċi jilqgħu għall-isfidi bla preċedent.
“Quddiem kriżi internazzjonali, l-ażjendi żgħar u medji sabu l-appoġġ u wrew li jistgħu jkunu dinamiċi ħafna u jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet”, qal il-Prim Ministru, filwaqt li saħaq fuq il-ħtieġa li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija fejn l-intrapriżi żgħar u medji jibqgħu l-mutur ta’ tkabbir ekonomiku.
Il-President taċ-Chamber of SMEs, Paul Abela, irrikonoxxa l-għajnuna tal-Gvern fl-elettriku, fil-fjuwil, u fil-gass, u nnota b’sodisfazzjon il-kisba tad-derogi biex Malta ma tesperjenzax tnaqqis fil-produttività.
Filwaqt li ppreżentat lill-Gvern numru ta’ proposti, iċ-Chamber of SMEs wasslet messaġġ favur is-sostenibbiltà fis-settur tax-xogħol.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri, u Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, u d-Deputat tal-Gvern Chris Agius.