F’Awwissu kompla jispikka l-ottimiżmu fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna. Dan jikkonfermah stħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea fost azjendi u konsumaturi Maltin u Għawdxin li juri li l-indiċi tas-sentiment ekonomiku dan ix-xahar laħaq il-livell ta’ 111 – li jfisser 13% aktar mill-istess xahar fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Dan hu t-tieni l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.
Fi stqarrija l-Gvern spjega kif dan l-istħarriġ juri li l-ottimiżmu fost l-operaturi ta’ dan is-settur madwar iż-żona ewro, huwa tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea. Ħafna operaturi Maltin fil-qasam tas-servizzi sostnew li għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin.
Il-Kummisjoni Ewropea qed tbassar li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.
Anke fil-qasam tar-retail, ħafna operaturi indikaw li qed jistennew attività aħjar fit-tliet xhur li ġejjin. Fl-industrija, il-kumpaniji qed jistennew titjib fil-produzzjoni fix-xhur li ġejjin wara t-tisħiħ fl-ordnijiet li kellhom fl-aħħar ftit xhur. Dan se jwassal lil dawn il-kumpaniji biex iżidu l-impjiegi fil-fabbriki tagħhom.
Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea, b’mod ġenerali jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, il-familji f’pajjiżna komplew ikunu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkompli titjieb fix-xhur li ġejjin.
Ħafna jaħsbu li l-qgħad se jkompli jonqos fiż-żmien li ġej u li l-ekonomija se tkompli tissaħħaħ.
Ir-riżultati maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea jikkonfermaw kemm it-tkabbir ekonomiku qed jinħass kemm min-negozji kif ukoll mill-familji f’pajjiżna. Dan l-ottimiżmu qawwi qed jissarraf f’aktar investiment u konsum fl-ekonomija tagħna.
Il-Gvern stqarr li se jkun qed ikompli jieħu miżuri biex jibqa’ jiddomina dan iċ-ċiklu pożittiv, u biex it-tkabbir ekonomiku jkompli jilħaq aktar familji u negozji.