L-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika f’pajjiżna wissew li l-irmied vulkaniku li ħareġ meta żbroffa l-vulkan Etna, u li għaddej minn fuq il-gżejjer Maltin, jista’ jaffettwa s-saħħa tal-Maltin u ta’ dawk li jinsabu f’pajjiżna.
Fost l-effetti li jista’ jħalli dan l-irmied u l-gassijiet ta’ miegħu, bħas-sulphur dioxide, hemm problemi fin-nifs, sintomi fl-għajnejn u irritazzjoni fil-ġilda. Il-konsulent respiratorju l-Professur Stephen Montefort qal li dawn l-effetti jiddependu fuq bosta fatturi, fosthom ir-riħ u d-direzzjoni tiegħu, u s-sħab.
Innota wkoll li t-twssija tal-awtoritajiet saret fi sfond li wieħed jara x’ġara f’postijiet oħra bħal meta per eżempju żbroffa l-vulkan Hawaii. Huwa spjega kif “dawk in-nies li jbatu b’mard respiratorju bħal min għandu l-atshma ovvjament ikunu aktar suġġetti minn ħaddieħor. Ħażin għal kulħadd imma dawn in-nies speċjalment jekk ikollok atshma qawwija li mhux ikkontrollata jew qed jieħdu trattament għandhom ħafna iktar ċans li se jħossu xi sintomi”.
Il-Professur innota wkoll li ninsabu fl-istaġun tal-mard u tal-influwenza, u għaldaqstant mhux kull sintomu huwa minħabba l-irmied. Madanakollu appella għall-prekawzjoni, speċjalment dawk li jinsabu f’riskju akbar:
“L-ewwel ħaġa li jieħdu t-trattament regolarment. Biss jekk ikun hemm avviż mir-rapporti tat-temp jew mis-servizzi tas-saħħa iridu kemm jista’ jkun joqgħodu ġewwa biex ma jiġux esposti għal dawn l-affarijiet, u joqgħodu naqra iktar attenti mis-soltu u jekk iħossu xi sintomi li ma jridux jgħaddu jridu jitolbu l-għajnuna tat-tabib tagħhom u ma jippanikjawx”.
Fid-dawl li l-problemi jistgħu jkunu serji jekk l-irmied ikun aċiduż, l-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna appellaw biex kulħadd isegwi r-rapporti tat-temp, u min iħoss xi sintomi ġodda jirrikorri mill-ewwel għand it-tabib. Irrakkomandaw ukoll biex il-frott u l-ħaxix jinħasel sew qabel jiġi kkunsmat.