L-awtoritajiet Taljani rnexxielhom ikissru ċirku enormi ta’ falsifikaturi tal-arti li ilhom joperaw madwar l-Ewropa biex ibiegħu u jiċċirkolaw kopji illegali ta’ xogħlijiet famużi tal-arti.
Il-Ministru tal-Kultura Taljan qal li biċċiet tal-arti suppost ta’ Warhol, Bansky u Picasso kienu qed jiġu ffalsifikati minn dan iċ-ċirku u bl-għajnuna ta’ djar tal-irkant madwar il-kontinent jiġu mibjugħa lil xerrejja bħala oriġinali .
B’kollox 38 persuna qed jiġu investigati inkluż sitta fi Spanja, Franza u l-Belġju, fejn l-awtoritajiet Taljani qalu li qed jistmaw li saret b’€200 miljun fi ħsara ekonomika hekk kif is-suq ġie invadut minn ammont ta’ xogħlijiet tal-arti foloz.
Aktar minn 2,100 biċċa falza ġew sekwestrati madwar l-Italja, Franza, Spanja u l-Belġju. Ix-xogħlijiet kienu jappartjenu lil aktar minn 30 artist ta’ fama internazzjonali fosthom Andy Warhol, Amadeo Modigliani, Bansky, Pablo Picasso, Joan Mirò, Francis Bacon, Wassily Kandinsky, Henry Moore u Gustav Klimt.
Bħala parti minn din l-operazzjoni instabu wkoll sitt workshops fejn kienu qed isiru l-falsifikazzjonijiet bi tlieta minnhom fl-Italja.
Il-Eurojust, l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, spjegat li n-netwerk tal-falsifikazzjoni kien ikopri Spanja, Franza u l-Belġju.
L-awtoritajiet kienu sabu ħjiel ta’ din l-operazzjoni wara tfittxija għand negozjant f’Pisa f’Marzu 2023 fejn kienu nstabu 200 biċċa xogħol ta’ arti falza. Minn hemm, l-uffiċjali Taljani bdew isegwu s-siti tal-kummerċ elettroniku ta-djar tal-irkant għall-possibilità ta’ involviment f’dan il-każ.
Il-Eurojust qalet li, it-38 persuna arrestati qed jiġu akkużati li kkonffofaw biex jiffalsifikaw u jinnegozjaw l-arti kontemporanja.