Minkejja li pajjiżna ma kellu u m’għandu ebda każ ta’ Coronavirus, fil-ġimgħat li għaddew il-Gvern ħejja ruħu b’mod strutturat biex ikun imħejjija għal kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’.
Fi stqarrija, il-Gvern elenka l-ħidma li saret fosthom it-twaqqif ta’ kumitat strateġiku tal-kabinett immexxi mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn se jiġu diskussi deċiżjonijiet li jridu jittieħdu minn żmien għal ieħor fuq pariri mediċi mill-esperti tas-saħħa.
Semma wkoll it-twaqqif ta’ kumitat ieħor operazzjonali mmexxi mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar fejn inġabru rappreżentanti ta’ bosta ministeri u entitajiet biex jitħejja pjan bil-fażijiet differenti ta’ kull ċirkostanza.
B’referenza għal numru ta’ stqarrijiet li ħarġu matul il-jum, il-Gvern jirrimarka li l-imsieħba soċjali se jkunu involuti f’din il-ħidma u fil-fatt diġà ġew mgħarrfa li se ssir laqgħa magħhom matul il-ġimgħa d-dieħla.
Il-Gvern esprima l-qbil tiegħu mal-Kamra tal-Kummerċ li din is-sitwazzjoni, f’kull eventwalità tagħha, teħtieġ attitudni ta’ kalma u sens komun.