L-Awtoritajiet Maltin jinsabu ppreparati għal kull eventwalità wara li ġew infurmati mill-Awtoritajiet Griegi li Nardi Ismet Idrizi, is-suspettat ewlieni fi sparatura f’Ateni li ħalliet tliet persuni feruti serjament, jaf se jkun qed jaħrab lejn Malta.
ONE News kiseb din l-informazzjoni wara li rapporti indikaw li r-raġel ta’ nazzjonalità Albaniża ta’ 37 sena u li allegatament spara fuq tliet ġuvintur fl-inħawi ta’ Gazi f’Ateni wara ġlieda f’bar, jista’ jkun qed jippjana li jaħrab lejn l-Albanija, it-Turkija, jew Malta.
L-awtoritajiet Griegi fil-fruntiera tal-Greċja ġew avżati hekk kif Idrizi għandu fedina penali kkulurita u mhux l-ewwel darba li kellu x’jaqsam f’atti kriminali fosthom serq bl-armi.
Huwa kien ukoll mexxej ta’ grupp kriminali fl-Albanija u għamel tmien snin il-ħabs, mill-2012 sal-2020. Fil-fatt, fl-2012 huwa kien arrestat wara rejd f’pompa tal-petrol.
Dakinhar huwa ħareġ l-arma tat-tip Kalashnikov u spara fuq il-Pulizija biex wara ħarab minn fuq il-post. Huwa kien staħba għand sieħbu fejn hemm ġie arrestat u ngħata tlettax-il sena ħabs.
Madankollu minn dawn huwa kien skonta biss sentenza ta’ 7 snin ħabs u l-ħelsien tiegħu qanqlet kontroversja kbira minħabba r-rekord kriminali li għandu. Apparti minn hekk rapporti jindikaw ukoll li tmintax-il uffiċċjal tal-ħabs fl-Albanija għenu lil Idrizi sabiex ikollu paga waqt li kien il-ħabs.
Riċentament Idrizi huwa mifhum li mar lura lejn il-Greċja fejn kienu qed jgħixu wħud mill-qraba tiegħu. Hemmhekk huwa fforma grupp kriminali fl-inħawi ta’ Agius Pavlos. Skond stazzjon tal-midja Griega, Idrizi ġie deportat aktar minn darbtejn mill-Greċja.
Intant huwa mifhum ukoll li l-organizzazzjoni kriminali li mexxa fl-Albanija hija responsabbli għall-serje ta’ omiċidji maġġuri lura fis-snin 90.