“Wasal iż-żmien li terġa’ ssir diskussjoni fuq il-ħinijiet ta’ meta jitlaqqa’ l-Parlament.”
Qal dan l-Ispekar tal-Parlament Anġlu Farrugia, waqt ċerimonja li saret it-Tnejn filgħaxija sabiex tfakkar il-ġrajja tas-Sette Giugno.
Dr Farrugia qal kif b’din id-diskussjoni għandha ssir minħabba l-eżiġenzi professjonali u anki familjari.
L-Ispeaker tal-Parlament semma wkoll l-introduzzjoni ta’ membri parlamentari li jkunu full-time u l-għajnuna li l-gruppi parlamentari għandhom jingħataw.
Semma wkoll kif Malta hija newtrali u l-Parlament Malti lest jiddjaloga ma’ kull naħa.
Intant, it-Tlieta filgħodu, il-President ta’ Malta George Vella sellem il-memorja tal-erba’ vittmi tal-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Dan hekk kif tefa’ bukkett tal-fjuri f’riġlejn il-monument li jfakkar din il-ġrajja storika fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt.
Jakkumpanja lill-President kien hemm is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit u uffiċjali mill-Kumitat tal-Festi Nazzjonali.
Qabel fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u uffiċċjali tal-Kumitat Festi Nazzjonali poġġew il-fjuri f’ċerimonja qasira li saret quddiem il-qabar tal-erba’ vittmi ta’ dawn l-irvellijiet.
Intant, fl-istess attività tat-Tnejn filgħaxija l-ogħla awtoritajiet, fosthom il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia u l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard poġġew il-fjuri f’riġlejn dan il-monument.
Fuq il-Facebook, il-Prim Ministru Robert Abela fakkar il-memorja tal-vittmi f’din il-ġrajja.
Hawnhekk Dr Abela qal kif xogħol il-politiċi huwa li jkomplu jsostnu l-demokrazija parlamentari, billi jissaħħaħ permezz ta’ aktar riformi li jagħmlu differenza f’ħajjet in-nies.