Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi jinnota l-konklużjonijiet tar-rapport dwar it-traffikar uman maħruġ mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan f’Ġunju 2018. Filwaqt li jirrikonoxxi li għad fadal aktar ħidma xi ssir, il-Gvern Malti jilqa’ l-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Amerikani li pajjiżna kompla jżid l-isforzi tiegħu biex jiġġieled it-traffikar uman.
Ir-rapport jirreferi għal taħriġ speċjalizzat provdut lill-pulizija biex jinvestigaw it-traffikar uman u l-irduppjar ta’ spezzjonijiet li saru b’rabta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fl-2017 il-Gvern Malti alloka aktar riżorsi għal din il-kawża speċjalment bit-twaqqif ta’ Victims Support Unit li tipprovdi servizzi professjonali lill-vittmi ta’ traffikar u kif ukoll żieda fin-numru ta’ postijiet fejn jingħataw akkomodazzjoni temporanja l-istess vittmi.
Is-Segretarjat Parlamentari hu kommess li tiħrax il-ġlieda kontra t-traffikar uman f’pajjiżna permezz tal-ħolqien tal-ewwel strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman. L-għan tal-istrateġija hu li tikkonsolida l-ħidma tal-entitajiet konċernati kontra t-traffikar uman filwaqt li żżid l-għarfien fis-soċjetà dwar dan ir-reat kriminali. B’rabta ma’ dan is-Segretarjat Parlamentari diġà beda b’serje ta’ laqgħat ma’ esperti u ma’ membri tas-soċjetà ċivili maħsuba biex ikomplu jtejbu l-mod kif l-awtoritajiet Maltin qed jindirizzaw il-problema tat-traffikar uman. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet mar-Renju Unit biex tikber il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi f’dan il-qasam l-aktar permezz ta’ taħriġ intensiv lill-uffiċjali pubbliċi fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ traffikar uman.
Fl-aħħar nett, hekk kif inhu kommess fil-manifest elettorali, il-Gvern hu determinat li jdaħħal it-tibdil meħtieġ biex jagħti l-għajnuna kollha possibbli lil dawk l-individwi, inklużi persuni Maltin, li jispiċċaw vittmi ta’ sfruttament marbuta mas-sess u mal-prostituzzjoni.