L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tikkonfemra li l-binja Downtown Hotel hija adegwata u f’konformità mar-rekwiżiti għal-liċenjza ta’ emerġenza.
L-eżitu li ħareġ mill-investigazzjoni tal-Awtorità huwa li l-kmamar jistgħu jakkomodaw żewġ persuni, is-siġġu tar-roti jista’ jimmanuvra fil-kurituri u l-kmamar, il-mezzi ta’ rfigħ tar-residenti qed jintużaw fil-kmamar meta dan ikun meħtieġ, il-mediċina qed tkun maħżuna b’mod sigur, u l-professjonisti tas-saħħa qed jipprovdu l-istess livell ta’ kura li kienu jipprovdu fis-Sala ta’ Sant’Anna. L-Awtorità qed tiżgura wkoll li l-pjanijiet ta’ kontinġenza u l-proċeduri meħtieġa huma kollha fis-seħħ.
Dan ħareġ minn investigazzjoni wara ilmenti dwar il-kundizzjonijiet fosthom li l-kmamar huma wisq żgħar għal żewġ pazjenti, il-kurituri u l-lift huma żgħar wisq, l-istruttura tal-kamra, l-istretchers bir-roti ma jgħaddux mil-bibien, inċertezza dwar jekk is-siġġu tar-roti jistax jimmanuvra fil-lifts u l-kmamar, u li l-lifter ma joqgħodx fil-kmamar.
Steward Health Care ngħatat liċenzja ta’ emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali skont l-Avviż Legali 74 tal-2020 minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19.
Steward Health Care talbet din il-liċenjza ta’ emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħasien Soċjali sabiex tkun tista’ topera f’post ibbażat fil-komunità bil-għan li tkun tista’ titrasferixxi l-pazjenti mis-Sala ta’ Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal Downtown Hotel.
L-Awtorità ħarġet ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom li tiżdied il-komunikazzjoni permezz ta’ video calls bejn l-anzjani u l-qraba tagħhom, li jiġi żgurat li s-servizz jinkludi programm strutturat ta’ attivitajiet varji abbażi tal-ħtiġijiet identifikati tal-individwu u li jiġi żgurat li kull resident jiġi pprovdut bi spazju adegwat sabiex ikun jista’ jerfa’ l-affarijiet personali tiegħu.
L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali żgurat li se tkun qed tagħmel żjarat ta’ spezzjoni oħrajn fil-ġranet li ġejjin, sabiex tara illi dawn in-nuqqasijiet qed jiġu indirizzati. Fil-każ illi dak li ġie rakkomandat minnha ma jidħolx fis-seħħ, l-Awtorità ser tieħu l-passi neċċessarji fl-aħjar interess tal-anzjani.