L-Awtorità tax-Xandir irreaġixxiet għall-misinterpretazzjonijiet imxerrdin minn midja oħrajn wara li l-istazzjon tar-Radju tal-Knisja ġie mmultat aktar minn erbat elef u sitt mitt ewro.
Hi qalet li hi mxiet mal-liġi li tirregolaha u d-deċiżjoni tagħha qatt ma tkellmet fuq spazju lill-kandidati tal-partiti, anke għax il-liġi titkellem dwar veduti u mhux dwar kandidati.
Għaldaqstant tenniet li kull min ikkritika l-multa imposta ma qarax il-liġi fil-kuntest tad-deċiżjoni u lanqas qara d-deċiżjoni fl-intier tagħha.
Ir-reazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir ittrattat ukoll l-insinwazzjonijiet, inkluż mill-istess RTK, dwar is-Segretarju tal-Bord tagħha.
Waqt li, għal darb’oħra, fakkret li s-Segretarju m’għandu l-ebda r-rwol fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, ċaħdet li dan ma riedx jirrikuża ruħu kif deher f’xi mezzi tax-xandir.
Minflok kien il-Bord li ddeċieda dwar it-talba tar-rikuża. Dan il-fatt ukoll qiegħed fid-deċiżjoni.