L-Awtorità tax-Xandir ma tatx raġun lill-Partit Nazzjonalista li lmenta mill-fatt li fuq l-istazzjon nazzjonali xxandru reklami tas-sessjonijiet ta’ Gvern Li Jisma’.
F’deċiżjoni kkomunikata llum intqal li “wara li kkunsidrat il-kontenut kollu tar-reklamar dwar l-attività Gvern Li Jisma’ ikkonkludiet li tali kontenut ma jikkostitwixxix reklamar politiku u għalhekk iddeċidiet li l-ilment imressaq mill-Partit Nazzjonalista ma jirriżultax.”
Il-Partit Nazzjonalista oġġezzjona u talab rimedju għar-reklami tas-sessjonijiet ta’ Gvern Li Jisma’ li xxandru fuq PBS meta hu kien qed ixandar l-istess reklami bi ħlas fuq in-NET.
Meta fl-Awtorità tax-Xandir inġibdet l-attenzjoni dwar dan, Zammit Dimech qal li seta’ kien hemm raġunijiet “kummerċjali.”
Għal dan kien ireaġixxa l-Partit Laburista li fi tqarrija qal li jekk Busuttil għandu daqshekk problema li l-ispots jixxandru fuq PBS, bl-istess riga kif jista’ jittieħed bis-serjetà meta l-istess spots ixxandru fuq l-istazzjon tiegħu?. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu double standards anke fuq spot imxandar,” qal il-Partit Laburista.