L-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx ilment ta’ Matthew Caruana Galizia, li tressaq quddiemha f’isem il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia kontra ONE News. L-ilment ittratta rapportaġġ minna x-xahar li għadda dwar id-differenza ċara li teżisti fl-inkjesti, partikolarment bejn dik maġisterjali u oħra pubblika.
Fl-aħħar ġimgħat, dwar il-każ Jean Paul Sofia, dan l-istazzjon intervista lill-Avukat Daniel Attard, li ġustament spjega kif, bejn iż-żewġ inkjesti, hu biss permezz ta’ inkjesta maġisterjali li jistgħu jittieħdu passi kriminali, eżatt kif ġara fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Minkejja dan, dak iż-żmien, f’korrispondenza bl-Ingliż, li l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia bagħtet lil ONE News, din qalet li l-intervista kienet waħda qarrieqa. Sussegwentement infetaħ il-każ quddiem l-Awtorità tax-Xandir kontra dan l-istazzjon, għax skont Caruana Galizia “s-sekwenza tal-avvenimenti ġiet interpretata b’mod ħażin” u allura kien jimmerita korrezzjoni skont il-liġi.
ONE News, rappreżentat minn Dr Ramona Attard, argumenta quddiem l-Awtorità li dan mhuwiex minnu u r-rapportaġġ kien wieħed fattwali, ibbażat ukoll fuq l-Att tal-Inkjesti, li b’mod ċar juri kif inkjesta pubblika qiegħda hemm biex tidentifika nuqqasijiet amministrattivi u mhux biex twassal għal proċeduri kriminali fil-Qorti.
Ingħad ukoll kif il-kumment tal-Avukat Daniel Attard kien legalment korrett, waqt li l-ilment tal-Fondazzjoni Caruana Galizia jikxef kif din interpretat b’mod żbaljat l-Ilsien Malti fir-rapportaġġ.
Wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-traskrizzjoni tal-intervista, l-Awtorità tax-Xandir ma laqgħetx l-ilment fil-konfront ta’ ONE News, għax qalet li l-argumenti kienu biss ta’ natura interpretattiva u mingħajr ebda bażi.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità ħasset li għandha ċċanfar lil ONE għall-fatt li baqa’ ma weġibx għall-ewwel korrispondenza tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u qisitu bħala diżrispett.