Ilment ieħor tal-Professur Kevin Cassar kontra rapport minn ONE News reġa’ ġie miċħud mill-bord tal-Awtorità tax-Xandir it-Tlieta.
Dan wara li nstab li ONE kien fattwalment korrett jindika li mal-erba’ snin ilu ħaten Beppe Fenech Adami u kelliem f’attivitajiet tal-establishment u ta’ Repubblika kien ħadem biex jiġi elett Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, minflok Adrian Delia.
L-ilment ta’ Cassar ittratta l-kwistjoni fejn qal li hu qatt ma kiteb li Grech għandu jiġi elett Kap, kif ried l-establishment Nazzjonalista, inkluż dawk tal-‘Blue Heroes’.
Minkejja dan, il-bord tal-Awtorità tax-Xandir qabel mal-argumentazzjoni li nġiebet mill-Avukata Ramona Attard, f’isem ONE News, jiġifieri li r-rapport ta’ ONE fil-21 ta’ Jannar li għadda, taħt it-titlu “Il-Laburisti huma illitterati” kien wieħed fattwali.
Dan għax, kif ġie pprovat bil-preżentazzjoni ta’ rapporti u opinjonijiet tal-istess Cassar fejn kien kontinwament jikteb bl-aktar mod voċiferu kontra Delia u allura awtomatikament iffavorixxa lil Bernard Grech.
“Il-bord iħoss li, filwaqt li l-Prof. Kevin Cassar ma tax l-appoġġ tiegħu għal Dr Bernard Grech b’mod espliċitu, madankollu għamel dan b’mod impliċitu fejn, fil-kontestazzjoni bejn żewġ membri, hu attakka wieħed mill-kontestanti, filwaqt li esprima li hemm baħar jaqsam bejnu u bejn il-kontestant l-ieħor.”
B’hekk, il-bord tal-Awtorità tax-Xandir ikkonkluda li r-rapportaġġ minn ONE News ma kienx infondat, kif ilmenta ħaten Beppe Fenech Adami.
Il-bord enfasizza li “r-riżultat dirett ta’ kritika negattiva u ċara fuq kontestant ma tħalli ebda dubju tar-riżultat mistenni mill-awtur bejn iż-żewġ kontestanti, speċjalment meta din il-kritika ssir ftit jiem qabel din l-elezzjoni.”
Għaldaqstant l-ilment tiegħu ma ntlaqax.
F’Jannar li għadda stess, Cassar ukoll ma ngħatax raġun mill-Awtorità tax-Xandir meta ilmenta kontra rapport ieħor ta’ ONE bit-titlu “Ħaten Beppe Fenech Adami jgħid li l-Laburisti huma l-inqas edukati fil-pajjiż”.