Wara l-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar jiem minħabba li l-istazzjon nazzjonali ma xandarx il-mistoqsijiet li saru lill-awtoritajiet f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn li għadda, l-Awtorità tax-Xandir iċċarat li kien il-Partit Nazzjonalista li f’Ġunju ilmenta fuq ix-xandir tal-mistoqsijiet fil-konferenzi tal-aħbarijiet.
L-Awtorità tax-Xandir qalet li sa mill-bidu li bdew isiru l-konferenzi tal-aħbarijiet marbuta mal-imxija tal-COVID-19, obbligat lill-istazzjonijiet kollha biex ixandru l-konferenzi tal-aħbarijiet, li għandhom l-għan li jagħtu l-informazzjoni lill-pubbliku dwar il-miżuri u d-deċiżjonijiet li jittieħdu b’rabta mal-imxija f’pajjiżna.
L-Awtorità spjegat li filwaqt li l-konferenza tal-aħbarijiet kienet ta’ interess nazzjonali, il-kummenti politiċi li saru riżultat tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li ma kellhom l-ebda rabta mal-miżuri li tħabbru fl-istess konferenza, kienu jwasslu għal żbilanċ fl-imparzjalità xierqa skont l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
L-Awtorità tax-Xandir fakkret li din mhix l-ewwel darba li ma ġewx imxandra l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet qed tixxandar b’mod dirett.
Ġiet miċħuda wkoll l-allegazzjoni li l-Awtorità tax-Xandir u l-istazzjon nazzjonali għamlu użu mill-istess konseulent legali.
L-Awtorità qalet li din hija dikjarazzjoni evidentament mhux riċerkata u għal kollox ivvintata.
Irrimarkat li l-konsulent legali tal-Awtorità huwa l-Professur Ian Refalo, li ilu l-konsulent legali tal-Awtorità għal numru ta’ snin.