L-Awtorità tal-Mediċini Maltija ġiet mitluba sabiex isservi ta’ mudell għall-awtorità responsabbli mill-mediċini u t-tagħmir mediku fil-Montenegro.
Dan qed isir sabiex il-Montenegro jilħaq l-istandards rekwiżiti f’dan ir-rigward bħala parti mill-proċess tan-negozjati għas-sħubija eventwali tiegħu fl-Unjoni Ewropea.
Għal dan il-għan, rappreżentanti tal-Istitut tal-Mediċini u l-Mezzi Mediċinali tal-Montenegro għamlu żjara fl-uffiċċji tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, fejn ġew diskussi l-oqsma li pajjiżna u l-Montenegro se jkunu qed jikkoperaw dwarhom.
Fost l-oħrajn, din il-koperazzjoni tfisser taħriġ lill-awtorità tal-Montenegro.
Id-Direttur tal-Istitut tal-Mediċini fil-Montenegro, Dr Snezana Mugosa, stqarret kif il-ħidma eċċellenti tal-Awtorità Maltija wasslet biex Malta tintagħżel bħala l-mudell għall-Montenegro, flimkien mal-fatt li ż-żewġ pajjiżi għandhom karatteristiċi simili.
Ma’ ONE News, hija kkummentat li dan l-eżerċizzju ta’ studju u implimentazzjoni se jwassal għal riżultati pożittivi għal pajjiżha, u esprimiet il-gratitudni tagħha lejn Malta għal din l-opportunità.
“This cooperation is extremely important for the Institute for Medicines and Medical Devices of Montenegro, and will greatly contribute to the institute’s inclusion in the European family of regulators. I’m very thankful to professor Serracino Inglott and Minister Abela for the opportunity to start this cooperation between the Institute for Medicines and Medical Devices of Montenegro and Malta Medicine’s Authority.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, stqarr li żjara bħal din tkompli tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett sabiex issir ċentru mediku ta’ importanza, u ddeskriva dan l-eżerċizzju bħala ċertifikat tal-ħidma eċċellenti li twettaq l-Awtorità Maltija tal-Mediċini.
Huwa spjega wħud mill-oqsma li l-awtorità Maltija se tkun qed tgħarraf lill-awtorità tal-Montenegro dwarhom.
“Ix-xogħol ta’ kull Awtorità tal-mediċina hu li tkun ċerta li l-mediċini li jidħlu fil-pajjiż ikunu mediċini li jaħdmu, jiġifieri l-effikaċja tal-mediċina, ikunu mediċini ta’ kwalità, u issa daħal il-kunċett ta’ affordabbilità. Jiġifieri kull sistema, kull awtorità tal-mediċina li trid tissieħeb mal-Unjoni Ewropea, irid ikollha dawn ir-rekwiżiti.”
Intant, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott, qal li l-ħidma ta’ din l-entità hija waħda wiesgħa, u spjega ma’ dan l-istazzjon uħud mir-raġunijiet għalfejn din intagħżlet bħala mudell.
“Din mhix xi awtorità kbira esaġerata fejn wieħed ma jkunx jista’ jlaħħaq, mhix awtorità li tirċievi xi fondi sostanzjali mill-Gvern. Aħna sostenibbli. Allura qed jarawna bħala awtorità mudell li tinkorpora wkoll il-medical devices, tinkorpora l-kannabis għall-użu mediċinali, tinkorpora assessments, third country inspections, u li hija sostenibbli”