L-Awtorità tal-Mediċini Maltija irrakkomandat aktar minn 800 awtorizzazzjoni speċjali għall-użu ta’ mediċini li jinsabu nieqsa fl-Unjoni Ewropea u li saru aċċessibbli għas-suq Malti din is-sena.
Hija qalet dan fi stqarrija s-Sibt filgħodu hekk kif sostniet li qed taħdem biex tindirizza n-nuqqas ta’ mediċini fl-Unjoni Ewropea, bil-pazjent fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
L-Awtorità sostniet ukoll li minkejja n-nuqqas kontinwu ta’ mediċini fuq livell Ewropew, tant li 25 minn 30 pajjiż tal-UE huma milquta minn nuqqas ta’ antibijotiċi minħabba żieda fid-domanda, dewmien fil-manifattura tal-mediċini u nuqqas ta’ ħaddiema, illum lokalment hawn mediċini alternattivi li huma disponibbli għal min jeħtieġhom.
L-Awtorità li taqa’ taħt il-Mnisteru għall-Anzjanità Attiva sostniet ukoll li qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni filwaqt li qed taħdem ma’ imsieħba fil-qasam sabiex tibqa’ ssostni l-qasam tas-saħħa b’mediċini siguri, ta’ kwalità tajba u effikaċi għal dawk kollha li jiġu bżonnhom.