Daħlet fis-seħħ liġi ġdida li se ssaħħaħ idejn l-Awtorità tal-Logħob kontra l-attività kriminali fl-industrija u fl-istess waqt tipprovdi qafas leġislattiv biex l-industrija tal-gaming tkompli tikber f’ambjent regolat anke fl-interess tal-lagħba.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Heathcliff Farrugia qal li l-liġi l-ġdida tibni fuq il-pedamenti tal-liġijiet preċedenti u tagħti s-setgħa lill-Awtorità biex issaħħaħ aktar il-mod ta’ kif tirregola l-industrija.Farrugia qal li “Din il-liġi l-ġdida fiha diversi miżuri pożittivi għall-industrija fosthom hemm l-isimplifikar tal-liġijiet li kellna eżistenti għax il-liġi li kellna sal-bieraħ tista’ tgħid kienet inkitbet erbatax-ħmistax-il sena ilu u allura kien hemm bżonn modernizzar tal-liġi stess. Barra minn hekk, żidna wkoll il-poteri lill-awtorita biex aħna bħala regolatur inkunu nistgħu niregolaw lill-industrija aħjar.”
Ċifri ppubblikati fl-aħħar xhur juru l-industrija tal-logħob qed tikber bi 12 fil-mija fis-sena u b’din il-liġi mistennija tikber b’erba’ fil-mija oħra.
Mistoqsi kif din il-liġi se tkompli tiġġieled il-ħasil tal-flus fl-industrija, is-Sur Farrugia qal li l-Awtorita flimkien mal-FIAU tagħmel spezzjonijiet lill-operaturi Maltin biex jassiguraw li dawn jimxu mal-liġijiet.
Spjega li “Inti minn naħa ta’ ħasil ta’ flus ma rridux ninsew li f’jannar hawn malta daħlet ukoll liġijiet, dak li jisejjaħ il-fourth anti-money laundering directive li daħlet mal-ewropa kollha u din il-liġi tmur hand in hand ma’ dawk ir-regolazzjonijiet. Issa aħna minn jannar stess ġa bdejna bħala awtorita nagħmlu on site inspections, imorru on site inspections nagħmluhom flimkien mal-fiau biex aħna imorru u niċċekjaw li dawk l-operaturi li għandhom liċenzja maltija ikunu in line ma’ din id-direttiva.”
Il-Kap Eżekuttiv sostna li l-pass li jmiss huwa li sal-aħħar tas-sena tiġi implimentata l-liġi l-ġdida sabiex mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla tibda tiffoka fuq il-logħob f’Malta stess.
Farrugia qal li “Il-pass li jmis wara li aħna daħħalna proġett tant importanti għall-awtorita huwa l-implimentazzjoni tiegħu. Ħafna minn nies jaħsbu li meta inti daħħalt liġi ġdida, ix-xogħol kollu jkun waqaf meta mentri fil-verita illum huwa l-bidu ta’ kapitlu ġdid għall-awtorità għax din il-liġi li issa daħħalna rridu nibdew nattwawha u allura issa għaddej kif tista’ timmaġina fil-proċess li nibdlu l-liċenzji għax in-numru tal-liċenzja ħa jinbidel, qed naraw aħna kif ir-regoli ġodda ħa nimplimentawhom.”
Is-Sur Farrugia saħaq li din il-liġi se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u ddaħħal aktar miżuri għal-logħob responsabbli.