L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qed tiġbor diversi ġugarelli wara li saru testijiet mill-Awtorità bħala parti minn proġett Ewropew.
Intqal li ġugarelli inkwistjoni mhumiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar is-Sigurezza tal-Ġugarelli u l-istandards applikabbli Ewropej.
Dan minħabba li għandhom partijiet żgħar li jistgħu jibilgħuhom it-tfal u li jagħlqulhom l-arja għan-nifs, għandhom kimika projbita għall-użu f’oġġetti għall-konsumatur u ippakkeġġjar li jippreżenta riskji fost l-oħrajn.
Konsumaturi li xtraw dawn il-prodotti huma mitluba jieqfu jużawhom minnufih u jeħilsu minnhom b’mod xieraq jew, fejn hu possibbli, jgħadduhom lura minn fejn xtrawhom.
Skont il-liġi, il-bejjiegħa huma obbligati li joffru rimedju lill-konsumaturi li jinvolvi tiswija tal-prodott, fejn hu possibli, jew il-bdil tal-prodott ma’ ieħor sigur.
Kull min jixtri prodott huwa mħeġġeġ jiżgura li l-ġugarell li jkun qed jixtri, ikollu mniżżel l-isem u l-indirizz tal-manifattur u l-importatur, u n-numru tat-tip, tal-lott, tas-serje jew tal-mudell biex ikunu jistgħu jiġu identifikati.
Din l-informazzjoni tista’ tkun ipprovduta fuq l-ippakkeġġjar jew f’dokumenti li jakkumpanjaw il-ġugarell, jekk id-daqs jew in-natura tal-prodott ma tagħmilx dan possibbli.