Sa issa, l-Awtorità tal-Konsumatur ma rċeviet l-ebda ilment dwar avvenimenti li kienu ppjanati għaż-żminijiet tal-festi; wara l-bidliet fil-miżuri li tħabbru mill-awtoritajiet il-ġimgħa l-oħra, fosthom biex l-attivitajiet isiru biss bin-nies bilqiegħda.
Dan spjegatu magħna d-Direttur tal-Informazzjoni tal-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA, li spjegat kif meta fil-passat, l-uffiċċju rċieva ilmenti li jkunu saru minħabba restrizzjonijiet ġodda, dejjem ingħata l-parir biex il-konsumatur jitkellem l-ewwel mal-organizzaturi.
Vella tenniet, “Dejjem fakkarna lill-konsumaturi li għandhom id-dritt, li huma jekk l-attività tħassret, huma intitolati għal rifużjoni. Imma dejjem nagħtihom parir biex jitkellmu mal-organizzaturi jew jekk forsi hemmx possibilità li dik l-attività tiġi posposta.”
Naturalment, f’fażijiet fejn il-konsumatur u l-bejjiegħ ma jaslux għal ftehim, ikun jista’ jsir ilment uffiċjali mal-Awtorità.
Is-Sinjura Vella spjegat li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, jiżdiedu t-talbiet għall-informazzjoni mill-konsumaturi dwar id-drittijiet. Ħafna mill-mistoqsijiet ikunu dwar każijiet fejn il-konsumaturi jkunu jridu jirritornaw oġġett f’ħanut.
Hija stqarret, “Hawnhekk infakkru lill-konsumatur li sakemm ma jkunx sar ftehim qabel ix-xiri, fejn ikun ġie maqbul bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ li dak l-oġġett ikun jista’ jiġi rritornat, sakemm dak l-oġġett m’għandux xi difett partikolari, il-liġi tal-konsumatur ma tagħtix dak id-dritt lil konsumatur.”
Fid-dawl li l-pandemija żiedet il-bejgħ online, l-MCCAA tfakkar li meta wieħed jixtri online, ikollu dritt għall-kanċellazzjoni li jibqa’ validu għal erbatax-il jum.
Dan id-dritt japplika biss meta x-xiri jsir mingħand bejjiegħa professjonali u mhux mingħand individwi.
Vella qalet, “Huwa importanti li jkollok numru ta’ preoccupations, bħalma tkun taf min qed jixtri prodotti onlajn. Jiġifieri fis-sit elettroniku wieħed għandu jfittex l-isem tal-bejjiegħ, l-indirizz postali u elettroniku u anke numru tat-telefown.’