L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li l-Bord tal-Ippjanar talab lill-applikant biex jkompli jnaqqas l-għoli għal blokk ta’ appartamenti ġdid propost, li jinsab qrib il-mitħna Ta’ Kola fix-Xagħra.
Din il-binja hija protetta bħala Grad 1. Għalkemm il-bini propost huwa taħt il-limitu massimu tal-għoli għaż-żona u mhux se jkollu impatt sinifikanti fuq il-mitħna tar-riħ, il-Bord talab ukoll lill-applikant biex iressaq is-sular ta’ fuq ’il ġewwa sabiex jinnewtralizza l-blank party walls.
Barra minn hekk, l-applikant intalab jemenda d-disinn tal-faċċata biex jagħmilha aktar taqbel mal-pajsaġġ tat-triq u mal-proprjetajiet eżistenti fil-madwar tal-pjazza.
Il-blokk residenzjali propost jinkludi żewġ garaxxijiet fil-pjan terran u maisonette fuqhom u sitt appartamenti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet sular.
Il-Bord iddifferixxi l-każ sakemm il-pjanti riveduti jiġu sottomessi u evalwati.