Fi sforz kontinwu biex tiġi ppriservata l-arkitettura militari storika ta’ pajjiżna, l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li disa’ batteriji ta’ żmien il-ħakma Britannika madwar il-kosta ġew skedati bħala bini ta’ Grad 1, waqt li tnejn oħra ġew ikklassifikati fi Grad 2.
Dawn il-klassifikazzjonijiet għandhom l-għan li jissalvagwardjaw l-infrastruttura militari u difensiva, waqt li jirrikonoxxu l-valur arkitettoniku u storiku ta’ dawn il-batteriji, li jirriflettu l-politika u l-klima militari fostna mill-1860 ’il quddiem.
Is-siti fi Grad 1 huma dawk Delle Grazie fix-Xgħajra, Ta’ San Pietru fil-Kalkara, ta’ Wolseley u ta’ San Pawl f’Marsaxlokk, il-High Angle f’Ħal Għargħur, l-Anti-Aircraft ta’ Misraħ Strejnu fiż-Żejtun, Ta’ San Giovanni fis-Swieqi, Tal-Wardija f’San Pawl il-Baħar u taż-Żonqor f’Marsaskala.
Il-batterija Ta’ Cambridge u Tal-Ġnien f’Tas Sliema ġew ikklassifikati bħala fi Grad 2.
Dawn l-istrutturi difensivi oriġinarjament inbnew mill-Imperu Britanniku biex jipproteġu ż-żoni kostali tal-pajjiż, speċjalment wara l-Gwerra tal-Krimea f’nofs is-Seklu 19 u l-ftuħ tal-Kanal tas-Swejz fl-1869, li wassal għal żieda fit-traffiku navali f’Malta u żieda fl-interessi Britanniċi fis-sigurtà ta’ dawn ir-rotot kummerċjali minn Malta.
Minbarra hekk, l-avvanzi teknoloġiċi militari, b’mod partikolari fi Franza u l-Italja, enfasizzaw il-ħtieġa għal difiżi kostali rinforzati biex jipproteġu l-portijiet strateġikament sinifikanti ta’ Malta.