Art agrikola li tmiss ma’ pompa tal-fjuwil f’Ħal Għaxaq mhux se tiġi żviluppata wara li l-Kummissjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni li saret għall-bini ta’ ristorant, uffiċini, u parkeġġ taħt l-art.
L-art agrikola tkopri aktar minn elf (1,000) metru kwadru u tinsab ’il barra miż-żona tal-iżvilupp fi Triq Għar Dalam. Il-Kummissjoni fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar qablet mar-rakkomandazzjoni tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tal-Iżvilupp li l-proġett propost jirriżulta f’tifrix ta’ żvilupp urban biswit art li bħalissa mhix żviluppata.
Il-Kummissjoni nnutat ukoll li l-proġett imur kontra l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp, li jfittex li jipproteġi art agrikola ta’ kwalità tajba u jiżgura li t-teħid tal-art fiż-żona rurali titqies bħala l-aħħar għażla fejn ikun essenzjali għal żvilupp sostenibbli.
Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li l-iżvilupp propost għandu aċċess dirett minn Triq Għar Dalam, li hija triq distributorja minn Ħal Għaxaq għal Marsaxlokk u Birżebbuġa. Dan l-iżvilupp propost jiġġenera movimenti addizzjonali ta’ vetturi li jwasslu għal perikli potenzjali tat-traffiku.
Fil-frattemp, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA, innutat il-konsensus dejjem jikber fil-pajjiż biex ma jkunx hemm żvilupp fi bnadi li huma barra miż-żona għall-iżvilupp, l-ODZ.
L-MDA qalet li, minn mindu twaqqfet, dejjem emmnet u insistiet li art verġni f’żoni ODZ għandha tibqa’ mhux mittiefsa mill-iżvilupp. Temmen ukoll li tibdil fil-bini legali eżistenti m’għandux iwassal għal żieda fil-volum tal-bini. Dan għandu japplika b’mod strett għal siti li jaqgħu f’żoni tan-Natura Elfejn (2000), fejn m’għandha titħalla ssir l-ebda żieda fl-ammont tal-art ta’ bini okkupat meta jsir żvilupp mill-ġdid.
L-MDA appellat lill-awtoritajiet biex ikunu stretti u konsistenti f’dawn iċ-ċirkostanzi.