L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) rrifjutat applikazzjoni ta’ kontroll tal-ippjanar, li talbet li l-użu ta’ l-art vojta maġenb iċ-ċimiterju ta’ Ħaż-Żabbar tiġi mibdula biex takkomoda żvilupp residenzjali.
Fi stqrrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li qablet mar-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Ippjanar li ż-żoning attwali kif identifikat fil-pjan lokali tal-2006 għandu jibqa’ kif inhu. Il-pjan lokali allokat l-użu ta’ din il-biċċa art għall-estensjoni futura taċ-ċimiterju ta’ Ħaż-Żabbar.
L-Awtorità rrimarkat li għalkemm bħalissa m’hemm l-ebda proposta għall-estensjoni taċċimiterju eżistenti, din l-art trid tiġi salvagwardjata għal din l-eventwalità, speċjalment biżżieda fil-popolazzjoni u l-projbizzjoni tal-bini ta’ ċimiterji ġodda.
L-Awtorità nnotat ukoll li z-zoning propost ta’ din l-art għal żvilupp residenzjali b’għoli ta’ bini ta’ 3 sulari u semi basement jista iwassal li l-binja tiddomina viżwalment iċ-ċimiterju storiku eżistenti u jnaqqas b’mod sinifikanti l-ftuħ taż-żona.
L-art li hi ta’ aktar minn 1,300 metru kwadru tmiss direttament maċ-ċimiterju eżistenti ta’ ĦażŻabbar tul in-naħa tax-Xlokk u għandha faċċata li jagħtu fuq tliet toroq li huma Triq il-Misqa, Triq il-Ħawt, u Triq il-Papa Piju XII.