Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar irrifjuta b’mod unanimu applikazzjoni għall-bini ta’ pompa tal-petrtol fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard.
Din kienet it-tieni applikazzjoni f’ġimgħa li l-awtorità rrifjutat wara proposta oħra għal bini ta’ pompa tal-petrol fid-daħla tal-Magħtab.
L-applikant kien qed jipproponi li jibni pompa tal-petrol mifruxa fuq medda ta’ tlett elef metru kwadru ta’ art u faċilità għall-ħasil tal-karozzi. Madankollu, il-bord tal-Awtorità rrifjuta din l-applikazzjoni.
Intant fi stqarrija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) esprimiet is-sodisfazzjon għall-fatt li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar iddeċieda kontra dan l-iżvilupp.
L-ERA laqgħet bi sħiħ id-deċiżjoni għar-rifjut, fid-dawl li l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali kkonkludiet li l-proġett iwassal għal telf ta’ art agrikola ta’ kwalità tajba u għal telf ta’ siġar protetti, biex jakkomoda intrapriża kummerċjali.
Sostniet li l-impatti b’riżultat ta’ dan il-proġett ikunu kbar u l-assessjar inizjali tal-ERA indika, infatti, li l-iżvilupp propost kien oġġezzjonabbli fil-prinċipju, peress li jikkontribwixxi għat-tifrix tal-iżvilupp tal-ambjent urban bi ħsara għall-art agrikola u siġar indiġeni maturi.