L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni għall-kontroll tal-ippjanar fi Triq San Ġwann Battista, kantuniera ma’ Sqaq tax-Xama f’San Pawl il-Baħar, li kienet tipproponi li tnaqqas il-wisa’ uffiċjali tat-triq billi tinżamm struttura qadima li toħroġ ’l barra mil-linja uffiċjali tal-bini.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li l-permess ta’ żvilupp għall-bini ta’ blokk ta’ appartamenti fuq dan is-sit kien suġġett għall-kundizzjoni li t-triq għandha tinfetaħ skont il-linja uffiċjali tal-bini. Madankollu, din il-kundizzjoni nkisret, u l-bini l-qadim tħalla barra mil-linja tal-bini.
L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar b’multi ta’ kuljum fid-dawl ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjoni tal-permess. Barra minn hekk, ma nħareġ l-ebda ċertifikat ta’ konformità fuq l-ebda parti tal-bini.
L-avviż ta’ infurzar jibqa’ fis-seħħ sakemm it-triq tiġi ffurmata skont l-linja uffiċjali tat-toroq. Iċ-ċertifikati ta’ konformità fuq l-appartamenti individwali jinħarġu meta l-kundizzjonijiet tal-permess jiġu mħarsa b’mod sħiħ.