L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat applikazzjoni għal blokka ta’ appartamenti fi Triq il-Wileġ, San Lawrenz, Għawdex. Il-proposta li kienet mifruxa fuq żewġ applikazzjonijiet semmiet fost l-oħrajn it-twaqqigħ ta’ binja tal-1968 li hemm fiż-żona, u minflokha jinbnew xi garaxxijiet li jikkumplimentaw il-blokka.
Hu mifhum li s-sit għandu valur uniku hekk kif jinsab biswit id-dar li kien jgħix fiha l-kittieb Nicholas Montserrat fiż-żmien li kiteb Il-Kapplian ta’ Malta. Uffiċjal mill-Awtorità tal-Ippjanar jidher li nnota dan kollu, u ta parir biex il-permess jiġi rrifjutat minħabba li jinvolvi sit ta’ valur storiku. Il-bord tal-Awtorità qabel ma’ dan u filfatt, il-permess ġie rrifjutat b’mod unanimu lbieraħ.