L-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi li ssir reviżjoni parzjali tal-Pjan Lokali tal-2006, tal-Nofsinhar tal-pajjiż b’mod partikolari fiż-żona ta’ Ħal Far.
Fi stqarrija l-awtorità qalet li l-għan ta’ din ir-reviżjoni huwa li tistabilixxi parti miż-żona li llum hija allokata b’mod esklussiv għal skopijiet industrijali biex isservi bħala żona li tissalvagwardja ż-Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni li hija protetta.
B’hekk ir-reviżjoni se tkun qed tagħraf il-fatt li żvilupp industrijali jista’ jkollu impatt fuq iż-żona Natura 2000. Dan se jfisser li jekk tidħol fis-seħħ din ir-reviżjoni se jkun projbit li jsir żvilupp biex ikun imħares il-valur ambjentali tas-sit. Apparti minn hekk, it-tibdiliet proposti jinkludu wkoll li jkun hemm parti minn din iż-żona li tkun allokata għal sit fejn isir sport li għandu impatt baxx.
L-Awtorità tal-Ippjanar ħeġġet lil pubbliku li jixtieq jikseb aktar informazzjoni biex jagħmel dan minn fuq is-sit tal-istess awtorità filwaqt li dawk li jixtiequ jissottomettu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom bil-kitba fuq l-email halfar.review@pa.org.mt sal-Ħamis 21 ta’ Diċembru, 2023.