L-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet it-talba ta’ żvilupp ta’ art privata fil-Fgura.
Dan l-iżvilupp kien se jsir minn kumpanija privata, u kien ser jinkludi bini ta’ triq ġdida, li minn Triq il-Pluviera għal Triq l-Isponsun u anke żona residenzjali.
F’din iż-żona fejn kien hemm din l-applikazzjoni rrifjutata hemm dar li ilha mibnija mill-elf u tmien mija u diversi siġar indiġeni.
Hawnhekk f’din iż-żona wkoll kienu nstabu sitt oqbra puniċi.
Barra din it-triq, l-applikazzjoni kienet tinkludi wkoll bini ta’ appartamenti.
L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat din l-applikazzjoni b’erbgħa voti kontra u tnejn favur.
ONE News tkellem mas-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli li qal kif bħala Kunsill f’isem ir-residenti jilqa’ din l-aħbar.
Qal, “Aħna bqajna sal-aħħar niġġieldu b’dan il-punt illi isma dik iż-żona għandha bżonn tiġi għan-nies. Ftemna u tkellimna u ressaqna f’isem ir-residenti ta’ dik l-akwata u se nibqgħu naħdmu fuqha, dan il-punt li isma l-Fgura ma tiflaħx aktar, ma tiflaħx aktar karozzi, ma tiflaħx bini f’din il-lokalità. Għaldaqstant aħna b’mod unanimu bħala kunsill qed inkunu sodi biex nibqgħu nżommu deċizzjoni fl-aħħar mill-aħħar għall-ġid u r-residenti Fgurin.”